Book Week Activities – P2.6

WaterFil-bidu tas-sena skolastika, l-klassi tagħna, Year 2.6, iddeċidejna flimkien li l-qari għandu jingħata importanza speċjali matul din is-sena kollha. Qbilna li l-qari huwa t-triq għas-suċċess għal kull wieħed u waħda minna u għalhekk użajna s-slogans ‘If we read we will succeed’ u ‘Books can take you anywhere’ bħala l-messaġġi ewlenin tagħna.

Bdejna naqraw diversi kotba bi stejjer differenti kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Il-pjaċir tagħna waqt li naqraw ktieb, storja, jew informazzjoni huwa li niddiskutu l-elementi l-iktar importanti li niltaqgħu magħhom. Fil-biċċa l-kbira l-karattri, il-frażijiet u l-istampi qegħdin ikunu l-iktar elementi ta’ diskussjoni għalina.  Mhux l-ewwel darba li nieħdu karattru u nippruvaw noħolqu storja ġdida fuqu! Proġett ieħor li ħadna pjaċir nagħmlu huwa meta komplejna l-istorja ta’ qatra tax-xita bl-isem ta’ ‘Drippy’. Filwaqt li komplejna nitgħallmu dwar iċ-ċiklu tal-ilma stajna nużaw l-kreattivita’ tagħna sabiex niktbu aħna stess it-tmiem ta’ din l-istorja!

DSCF7633

Għall-Ġimgħa tal-Ktieb għażilna l-istorja ‘Rosetta Banana tinten jew tfuħ?’ It-titlu ta’ dan il-ktieb laqatna mill-ewwel. Il-fatt li aħna konxji mill-ħarsien tal-annimali u f’dan il-ktieb il-karattri kollha huma annimali differenti, kompla jinstiga fina kurżita’ kbira. Xi ħaġa li għoġbitna ħafna f’dan il-ktieb huwa l-esplorazzjoni ta’ karattri differenti li rrealizzajna li nsibuhom madwarna kontinwament. Matul din il-ġimgħa stedinna klassi tal-ewwel sena biex jiġu fil-klassi tagħna u jisimgħu lilna stess naqraw dan il-ktieb. Il-powerpoint li ppreparajna għenet biex kulħadd seta’ juri iktar interess għal din l-istorja. L-intonazzjoni tajba li ppruvajna nużaw tul l-istorja ħolqot ukoll l-umoriżmu addattat għal dan l-ktieb. Wara l-qari tal-ktieb qrajna ukoll fatti interessanti dwar il-ħanżir u kulħadd skanta meta semmejna li l-ħanżir huwa annimal intelliġenti ħafna. Fl-aħħar ta’ din l-attivita’ it-tfal tal-ewwel sena u tat-tieni sena ġew mogħtija ‘book mark’ bħala tifkira biex b’hekk jitħeġġeġ aktar il-qari f’kull wieħed u waħda minna.

Bħala ‘follow-up’ ta’ din l-istorja, aħna, il-klassi tal-Year 2.6, fi gruppi, qbadna l-karattri ta’ Rosetta, Qoton u Ċesri u tal-istampa tal-banju ta’ Rosetta u ktibna paragrafu qasir dwarhom.  Ħloqna ‘frames’ għal kull paragrafu u waħħalna kollox flimkien.  Ħloqna wkoll ‘cushions’ tal-karattri u tas-sitwazzjoni b’karti rriċiklati u dendilna kollox fil-kantuniera tal-klassi tagħna li hi ddedikata għall-qari u għall-kitba kreattiva’.

Ms. D. Seisun Incorvaja u Ms. C. Brincat P2.6