Kodiċi ta’ Mġiba Tajba u Dixxiplina

Behaviour

Introduzzjoni

Dan il-Kodiċi ta’ Mġiba Tajba u Dixxiplina fl-Iskola jindirizza t-twettiq ta’ għan importanti – li jgħin lill-iskola toffri ambjent pożittiv li jimmotiva lit-tfal kollha għal esperjenza edukattiva fl-iskola u għat-tagħlim għall-ħajja.  Kull min hu involut fil-proċess tat-tagħlim għandu jgħin biex jintlaħaq dan il-għan.

L-Imġiba mistennija mill-ġenituri

Jekk irridu nsaħħu l-imġiba tat-tfal, iridu jkunu l-ġenituri l-ewwel u l-aqwa għalliema, mhux biss bil-kliem iżda aktar bl-eżempju.  Kull skola għandha toħloq u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-iskola u l-ġenituri. Hija responsabbiltà kemm tal-ġenituri kif ukoll tal-iskola li tinħoloq rabta soda bejn it-tnejn.

  • Il-ġenituri għandhom jagħtu informazzjoni eżatta tad-dettalji tat-tfal tagħhom, numri tat-telefon tad-dar u tax-xogħol, kif ukoll ta’ persuni oħrajn li jieħdu ħsieb ta’ wliedhom.  Kull tibdil fl-indirizz u n-numru tat-telefon iridu jingħataw immedjatament lill-iskola. Fil-każ ta’ xi inċident gravi, it-tfal ma jistgħux jingħataw il-kura fil-poliklinika jew l-isptar qabel ma jaslu l-ġenituri.  Huma wkoll mitluba jagħtu l-kunsens tagħhom permezz ta’ firma għal viżti fl-iskola lil uliedhom minn dentisti, nurses tal-iskola u paramediċi oħra.  Huma għandhom jagħtu lill-iskola informazzjoni dwar problemi ta’ saħħa li wliedhom jista’ jkollhom.  Din tista’ tkun meħtieġa fil-każ ta’ xi inċident.
  • Fil-każ ta’ ġenituri separati, dawn iridu jagħtu lill-iskola dokument mill-Qorti dwar min għandu l-kustodja tat-tfal.
  • Il-ġenituri għandhom jieħdu magħhom il-karta tal-identità kull meta jkunu se jiġbru lil uliedhom matul il-ħin ta’ l-iskola.  Huma jintalbu jiffirmaw biex jieħdu lil uliedhom.  Studenti ma jistgħux jintbagħtu d-dar ma’ ħuthom taħt l-età (anqas minn 18-il sena).
  • Il-ġenituri għandhom juru stima u rispett lejn kull membru tal-istaff, bħal ma huma jistennew li jkunu stmati u rrispettati.
  • Huma għandhom jiġu l-iskola b’ilbies diċenti u addattat għall-iskola bħala stima tagħhom infushom u ta’ min jiġu jkellmu.  Tipjip fil-bini tal-iskola u fil-ħin li jkunu deħlin u ħerġin l-istudenti mill-iskola hu pprojbit skont il-liġi.
  • L-iskola mhix responsabbli għal dawk it-tfal li ma jkunux daħlu l-iskola.
  • Il-ġenituri għandhom jibagħtu lil uliedhom l-iskola regolarment skont l-Att tal-Liġi tal-Edukazzjoni.  Kull skola għandha l-ħinijiet tagħha xħin tibda u tispiċċa.  Il-ġenituri għandhom jirrispettaw lill-iskola billi jibagħtu lil uliedhom fil-ħin.  Fil-każ li t-tfal jkunu deħlin tard għal raġuni valida, il-ġenituri għandhom jinfurmaw lill-iskola.  Huma għandhom jinfurmaw lill-iskola filgħodu kmieni kemm jista’ jkun jekk it-tifel/tifla jkunu morda.  F’każ ta’ mard, iċ-ċertifikat li jinġieb l-iskola jrid ikollu:
  • Id-data;
  • Il-jiem meta l-istudent/a kien/et ma j/tiflaħx;
  • L-isem, il-kunjom u l-indirizz tal-istudent/a;
  • Il-firma tat-tabib u t-timbru jew in-numru tar-reġistrazzjoni.

Huwa importanti li ċ-ċertifikat flimkien mal-kartuna jinġiebu l-iskola malajr kemm jista’ jkun.  Mhux aċċettat ċertifikat back-dated jew bil-ġranet maqbużin.  Ċertifikati ta’ ċertu mard bħal ansjetà, dipressjoni u schoolphobia jiġu aċċettati biss jekk ikunu ffirmati minn speċjalista.  Jekk it-tfal ifallu aktar minn tlett ijiem f’xahar mingħajr ġustifikazzjoni tinħareġ iċ-ċitazzjoni. Jekk it-tfal ifallu aktar minn disa’ darbiet mingħajr ġustifikazzjoni l-każ jiġi rreferut lis-Social Workers.

  • Il-ġenituri għandhom iġibu lura l-iskola kull oġġett li wliedhom jieħdu magħhom id-dar u li ma jkunx tagħhom.
  • Meta jmorru l-iskola l-ġenituri huma mitluba jkellmu l-ewwel lill-Kap tal-iskola jew lil waħda mill-Assistenti Kapijiet jew lil xi skrivana.  Il-ġenituri għandhom jagħmlu appuntament jekk iridu jkellmu lill-Kap tal-iskola fit-tul.  Jekk tkun xi ħaġa urġenti għandhom jistennew sakemm tispiċċa l-Assembly u l-istudenti jkunu marru fil-klassi.  Il-ġenituri jistgħu jkellmu lill-Kap tal-iskola kuljum bejn id-9.00 a.m. u d-9.30 a.m.

Hi ħaġa ta’ min jinkoraġġiha li l-ġenituri jinvolvu ruħhom u jgħinu skont il-bżonn f’okkażjonijiet bħal Kunċerti tal-Milied, Family Day Concert jew attivitajiet oħra.

Diskors u storbju li jirrovinaw ix-xogħol li jkun sar mit-tfal u l-għalliema għall-okkażjoni mhumiex aċċettabbli.  Il-ġenituri għandhom jieħdu sehem fl-elezzjoni tal-Kunsill Skolastiku u fl-attivitajiet organizzati mill-istess Kunsill.

  • Il-ġenituri għandhom jinteressaw ruħhom u jieħdu sehem f’korsijiet, taħditiet u laqgħat organizzati mill-iskola.
  • Il-ġenituri għandhom jibnu relazzjoni tajba mal-iskola billi jattendu għal Jum il-Ġenituri, laqgħat u attivitajiet oħra.
  • Għandhom jaqraw kull nota u kull informazzjoni li tintbagħtilhom id-dar.
  • Għall-ebda raġuni l-ġenituri m’għandhom jikkritikaw għalliem/a jew xi persuna oħra li taħdem fl-iskola quddiem it-tfal infushom. Dan itellef kull sens ta’ dixxiplina u jħawwad lit-tfal għax ikunu qed jirċievu messaġġi konfliġġenti.
  • Il-ġenituri għandhom jaraw li t-tfal tagħhom jieħdu magħhom ikel tajjeb għas-saħħa bħal frott, ħobż, ċereali, ilma u jogurt (ara l-ktejjeb Healthy Eating Lifestyle Plan).
  • Il-ħarġiet u ż-żjarat edukattivi huma parti mill-ġranet tat-tagħlim u għalhekk it-tfal kollha huma mistennija jattendu sakemm ma tingħatax raġuni valida lill-Kap tal-iskola mill-ġenituri. Huma importanti li dawn jiffirmaw il-consent form mogħtija lilhom qabel kull ħarġa. Mingħajr din il firma t-tfal ma jkunux jistgħu jmorru din il ħarġa.
  • Il-ġenituri ma jistgħux ikellmu lill-għalliema qabel u wara il-ħin tal-iskola, fl-iskola u barra mill-iskola, mingħajr il-permess tal-Kap tal-iskola jew Assistenti Kapijiet.
  • Għall-ebda raġuni l-ġenituri m’għandhom jidħlu fl-iskola b’għajjat, ġlied jew kliem baxx. Dawn l-azzjonijiet m’humiex ittollerati fl-iskola. Fil-każ li l-ġenituri jippersistu b’din l-imġiba, l-iskola ma jibqgħalhiex għażla ħlief li titlob l-għajnuna tal-pulizija.
  • Il-ġenituri m’għandhomx jibagħtu lil uliedhom l-iskola b’ħafna flus jew b’oġġetti ta’ valur, mobile phones u kull tip ta’ apparat elettroniku li jista’ jtellef mill-attenzjoni tat-tfal.
  • Il-ġenituri m’għandhomx jidħlu fil-bini tal-iskola jekk ma jkunux libsin xieraq u diċenti. Għandha ssir enfasi dwar l-importanza ta’ lbies xieraq u diċenti f’istituzzjonijiet edukattivi.

L-Imġiba mistennija mill-istudenti

L-iskola għandha tgħin lit-tfal jitgħallmu jaċċettaw ir-responsabbiltà tal-imġiba tagħhom.  Għalhekk fl-ewwel jiem tas-sena skolastika, l-għalliema flimkien mat-tfal tal-klassi għandhom joħolqu sett ta’ regoli ta’ mġiba tajba (li jitwaħħlu fejn jarawhom it-tfal) u li jkunu konformi mar-regoli tal-iskola.

Matul il-lezzjonijiet, fil-brejk, waqt il-ħarġiet jew f’attivitajiet oħra, it-tfal huma mistennija li:

  • Jaslu l-iskola fil-ħin.
  • Jiġu l-iskola lebsin l-uniformi sħiħa u nadifa. Meta jkollhom attivitajiet sportivi huma għandhom jilbsu l-PE kit.
  • Ix-xagħar għandu jkun nadif u, fil-każ tal-bniet, jekk ikun twil għandu jinżamm miġbur. Il-bniet jistgħu jilbsu par imsielet żgħar, l-aħjar li jkunu buttun.  Imsielet fuq partijiet oħra tal-ġisem mhumiex aċċettati.  Mhuwiex permess li s-subien jilbsu msielet għall-iskola.
  • Juru rispett lejn l-istaff kollu tal-iskola billi jisimgħu, jobdu, ma jgħollux leħinhom u ma jirrispondux.
  • Jifhmu li qatt m’għandhom jużaw kliem vulgari, laqmijiet, vjolenza verbali u fiżika, mossi u aġir li jmur kontra l-pudur.
  • Jekk iridu juru fehma differenti, dan jistgħu jagħmluh billi jitkellmu b’leħen meqjus u bla għajat u x’ħin jingħataw permess.
  • Jagħmlu x-xogħol kollu li jingħatalhom kemm fil-klassi kif ukoll għad-dar.

Juru rispett lejn sħabhom billi:

  • Ma jtellfux waqt l-ispjega tal-lezzjoni.
  • Jaħdmu bil-kwiet u jħallu lil sħabhom jaħdmu.
  • Jgħollu jdejhom jekk għandhom bżonn imorru ħdejn l-għalliema għal xi diffikultà u jmorru biss meta jkunu msejħa.
  • Ma jmissux affarijiet ta’ ħaddieħor bla permess ta’ sidhom.
  • Bl-ebda mod ma jġibu ruħhom ta’ bulijiet billi jheddu bil-kliem, b’daqqiet jew anke bil-ħars b’mod li jġiegħlu lil ħaddieħor jagħmel dak li jridu huma.
  • Juru impenn fl-iskola billi jaħdmu skont il-kapaċitajiet tagħhom.
  • Juru mħabba lejn tfal oħra billi jgħinu meta jkun meħtieġ, juru sens ta’ maħfra.
  • Iridu jkunu kapaċi jilagħbu ma’ sħabhom mingħajr ma’jiġġieldu kull meta ma jaqblux ma’ ħaddieħor.
  • Ma jġibux mobile phones jew apparat elettroniku ieħor magħhom. Dawn jiġu kkonfiskati mill-ewwel u jingħataw lura meta jiddeċiedi l-Kap tal-iskola.
  • Flok lunch m’għandux jingħata ħelu, pakketti ta’ snacks, chewing gum, bottijiet tal-luminata, u l-bqija.
  • Ma jġibux strumenti li jaqtgħu jew bil-ponta. Dawn jiġu kkonfiskati mill-ewwel.
  • Iridu juru rispett mhux biss lejn in-nies iżda wkoll lejn il-propjetà tal-iskola, fosthom il-ħġieġ, il-kotba, l-għamara u kull apparat ieħor tal-iskola. Min jagħmel xi vandaliżmu fl-iskola jew materjal edukattiv (bħal ksur ta’ ħġieġ, ħsara fil-kotba, eċċ) irid iħallas għalih.
  • Ma jġibux oġġetti ta’ valur jew flus żejda magħhom l-iskola. It-tfal huma responsabbli għal dak kollu li jġibu magħhom mid-dar.

Linji gwida dwar Sanzjonijiet li jistgħu jittieħdu skont il-ħtieġa

  1. Għal min juri nuqqas ta’ rispett lejn l-istaff u lejn sħabu
  • Kull nuqqas ta’ rispett għandu jiġi investigat u diskuss mat-tfal;
  • Skont is-serjetà tal-każ, jistgħu jiġu infurmati l-ġenituri b’mod verbali jew bil-kitba;
  • Jinżamm rapport bil-miktub mill-iskola.

Fil-każ li din l-imġiba mhix aċċettabbli tirrepeti ruħha, it-tfal jistgħu jingħataw xi waħda minn dawn is-sanzjonijiet:

  • Jitilfu parti mill-ħin tal-brejk (time-out);
  • Sospensjoni temporanja mill-iskola wara li ssir konsultazzjoni mal-awtoritajiet konċernati.
  1. Fil-każ ta’ ħsara fil-propjetà u materjal edukattiv
  • Kull ħsara tiġi investigata.  F’każ li jinstab li din saret intenzjonalment, l-istudenti jridu jagħmlu tajjeb għal dik il-ħsara li jkunu għamlu.  Il-ġenituri ta’ dawn it-tfal jridu jħallsu għall-oġġett imkisser jew meqrud.
  1. Fil-każ ta’ serq
  • Jekk xi tfal jindunaw li tkun naqsitilhom xi ħaġa, għandhom jinfurmaw immedjatament lill-għalliem/a qabel ma tispiċċa l-iskola u preferibilment malli jindunaw
  • L-għalliem/a j/tavża lill-Kap tal-iskola jew lill-Assistenti.  Dawn imorru fil-klassi biex flimkien mal-għalliem/a jitolbu lill-istudenti kollha jiżvujtaw il-basktijiet biex issir tfittxija.  Issir tfittxija wkoll taħt il-bankijiet u fil-lockers (fejn ikun hemm).
  1. Għal min ma jagħmilx ix-xogħol tad-dar (homework)
  • L-għalliema jaraw għaliex it-tfal jkunu naqsu li jagħmlu x-xogħol.
  • Tintbagħat nota d-dar u jiġu infurmati l-kap tal-iskola jew Assistenti Kapijiet.
  • Ix-xogħol irid isir sal-jum ta’ wara.
  • Il-ġenituri jintalbu jiġu l-iskola biex jiddiskutu l-problema jekk il-homework jibqa’ ma jsirx.
  1. Għal min jasal tard l-iskola
  • L-iskola tieħu nota ta’ dawk li jaslu tard.
  • Tingħata twissija verbali.
  • Jiġu infurmati l-ġenituri.
  • It-tfal jistgħu jitilfu mill-ħin tal-brejk.
  • Jekk jibqgħu jiġu tard ripetutament jiġu infurmati s-Social Workers.
  1. Meta l-istudenti ma jkunux libsin l-uniformi sħiħa
  • Tingħata twissija verbali.
  • Tintbagħat nota lill-ġenituri.
  1. Meta l-apparenza tal-istudenti ma taqbilx ma’ dik mistennija mill-iskola
  • Jingħataw ċans biex jerġgħu jirranġaw l-apparenza tagħhom (bħal meta t-tfal jkollhom xagħarhom mimli ġel).
  • Imsielet, ġiżirajjen u brazzuletti jistgħu jittieħdu u jinżammu għal xi żmien, skont id-diskrezzjoni ta’ l-Amministrazzjoni tal-iskola.

Rikonoxximent ta’ ħidma tajba mit-tfal

Kull skola għandha tagħmel kull mezz biex tkun ta’ appoġġ u inkoraġġiment għat-tfal u tixtieq li tara l-istess atteġġament mill-ġenituri.  Għalhekk għandha tinħoloq sistema li tinkoraġġixxi mhux biss is-suċċess ta’ min jimxi ’l quddiem iżda wkoll, u fuq kollox, kull sforz ta’ min qed jagħmel progress, żgħir kemm hu żgħir.  Dan jista’ jsir b’diversi modi:

  • L-użu tal-assembly u tkun imfaħħra din l-imġieba.
  • Kliem ta’ kuraġġ u tifħir minn għalliema lil studenti individwali
  • Xogħol tal-istudenti għall-wiri fuq boards