Qari Gwidat/ Guided Reading

Għeżież Ġenituri/Kuraturi,

F’dawn l-aħħar snin l-iskola tagħna ħadmet ħafna sabiex it-tfal jimxu ‘il quddiem fil-litteriżmu (qari, kitba, taħdit u smigħ, litteriżmu diġitali).  Bħal ma tafu l-kisba tal-litteriżmu hija waħda mill-miri l-aktar importanti tal-edukazzjoni.

L-għan tal-iskola tagħna huwa li titħaddem sistema ta’ Litteriżmu Bilanċjat fejn f’dak li jirrigwarda litteriżmu t-tfal ikollhom ftit minn kollox (Ara l-figura A fuq wara).  Din is-sena l-iskola ser tkompli tintroduċi l-Qari Gwidat (Guided Reading).  L-idea tal-Qari Gwidat hija li kull tifel u tifla jkollu/jkollha l-ktieb adattat għalih/għaliha (The Right Book for the Right Reader at the Right Time). Waqt il-Qari Gwidat (Guided Reading)  l-għalliema ser tkun qed taħdem ma’ grupp żgħir ta’ tfal b’livell simili ta’ qari u komprensjoni.  Sadanittant it-tfal l-oħra ser ikunu qed jaħdmu fuq attivitajiet oħra ppreparati mill-għalliema. L-għan aħħari tal-Qari Gwidat (Guided Reading) huwa li t-tfal ikunu kapaċi jużaw strateġiji biex jaqraw u jifhmu l-ktieb li jkunu qegħdin jaqraw.

Xi mistoqsijiet li jista’ jkollkom:

L-għalliema, kif ser tkun taf il-livell tal-qari tat-tifel/tifla tiegħi?

Bħalissa l-għalliema qed jużaw għodda ta’ livellar (Reading Running Records) li ser jgħinuhom isibu b’mod preċiż il-livell tal-qari tat-tifel/tifla tagħkom.

Kulħadd ser ikun fuq l-istess livell?

Le.  Jista’ jkollok lil xi ħadd mill-istess klassi li qiegħed fuq livell għoli  waqt li xi ħadd ieħor li qiegħed fuq livell baxx.  Huwa dmir tagħna bħala edukaturi li t-tfal nagħtuhom dak li huma għandhom bżonn.  Għalhekk fl-istess klassi t-tfal ser ikollhom kotba tal-qari differenti skont il-livell tal-qari u l-komprensjoni tagħhom.

It-tfal dejjem ser jibqgħu fuq l-istess livell? Jekk bdew b’livell baxx ħafna ser jibqgħu fuq dak il-livell sal-aħħar tas-sena?

Normalment, it-tfal jibdew telgħin fil-livelli tal-qari.  Jiġifieri jekk xi ħadd jibda mill-ewwel livell bil-mod il-mod jimxi għat-tieni livell.  F’każ li jkun hemm xi problemi l-għalliema ser tiġbed l-attenzjoni.

It-tifel/tifla tiegħi kapaċi taqra kotba ħafna aktar tqal mill-ktieb li qed tagħtiha l-għalliema waqt il-Qari Gwidat (Guided Reading). X’inhu jiġri?

Il-qari hu magħmul minn diversi elementi fosthom il-komprensjoni u l-fluency (kemm il-qari hu b’mod mexxej, kemm qed isiru żbalji u kif qed jaqra/taqra – issir waqfa meta hemm il-punt?  Hemm għarfien li hemm mistoqsija?).  Veru, jista’ jkun hemm xi ħadd li jkun kapaċi jaqra kotba tqal imma meta tistaqsi dwar x’hiex hu l-qari  tinduna li ma jkun/tkunx qed tifhem.  Ma jkunx hemm skop jekk it-tifel/tifla taqra u ma jifhimx/tifhimx.  L-għalliema hija professjonali u meta tkun qed tagħti l-kotba lit-tfal hija ser tkun qed tagħti kas tal-elementi kollha tal-qari.

X’kotba ser jingħataw għad-dar?

Għalissa t-tfal tat-Tieni Sena ser jingħataw kotba li huma jkunu ssellfu mil-librerija tal-iskola jew mil-librerija tal-klassi.  Dawn il-kotba jaqgħu taħt 2 tipi.  Kotba li intom ser taqraw mat-tfal tagħkom jew lit-tfal tagħkom.  U kotba li t-tfal ser jaqraw lilkom.

Il-kotba li intom ser taqraw mat-tfal tagħkom jew lit-tfal tagħkom ser ikunu itqal mil-livell tal-qari tat-tifel/tifla tagħkom.  Dawn il-kotba ser ikunu  mmarkati b’bookmark apposta sabiex intom tkunu tafu li tridu taqrawh ma’ jew lit-tfal tagħkom (Ara l-figuri B u Ċ).

Il-kotba li t-tfal ser jaqraw lilkom ser ikunu ftit eħfef mil-livell tal-qari tat-tifel/tifla.  Dan ser isir bi skop. Ir-riċerka ssostni li meta t-tfal ikunu qed jaqraw waħidhom, il-ktieb irid ikun ftit eħfef mil-livell proprju tal-qari tagħhom.

Il-kotba bil-livell proprju tal-qari tat-tfal ser jiġu introdotti mill-għalliema waqt is-sessjonijiet tal-Qari Gwidat (Guided Reading).

Grazzi tal-koperazzjoni tagħkom

A. Debattista (Kap tal-Iskola)

E. Jones (Assistent Kap tal-Iskola)

 Figura A: Mudell ta’ Litteriżmu Bilanċjat

litterizmu-bilancjat

 

Figuri B u Ċ  – Bookmarks li juru li  intom tridu taqraw il-ktieb lit-tfal tagħkom jew flimkien mat-tfal tagħkom

qari2qari1