Għażiż Ġenitur/Kustodju Legali,
Is-sena skolastika 2020-21 bdiet nhar il-Erbgħa, 7 t’Ottubru 2202. Minħabba ċ-ċirkostanzi attwali tal-pandemija, l-attendenza tat-tifel/tifla tiegħek tinsab taħt ir-responsabbiltà sħiħa tiegħek. Madanakollu, ta’ min jinnota li kull persuna minorenni għandha d-dritt għall-edukazzjoni tagħha.
Għalhekk, ġentilment aqra l-Kjarifikazzjonijiet imniżżla hawn taħt u wara imla l-Formola A (mehmuża) u ibgħatha lill-iskola rispettiva jew b’imejl jew inkella qegħedha f’envelopp indirizzat lill-Kap tal-Iskola u impustaha fil-kaxxa tal-ittri tal-iskola, jekk inti tiddeċiedi li ma tibgħatx lit-tifel/tifla tiegħek minħabba ċ-ċirkostanzi preżenti, sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 16 ta’ Ottubru 2020.
Kjarifikazzjonijiet
- Studenti Vulnerabbli/F’Riskju Għoli – il-ġenituri għandhom jimlew u jiffirmaw il-Formola A fejn jiddikjaraw li l-istudenti se jibqgħu d-dar minħabba raġunijiet mediċi. Mal-formola jrid ikun hemm iċ-ċertifikat maħruġ mill-konsulent (E-certificates huma aċċettati).
- Studenti li l-ġenituri tagħhom għażlu li jħalluhom id-dar – dawn il-ġenituri wkoll għandhom jimlew u jiffirmaw il-Formola A fejn jassumu r-responsabbiltá sħiħa tal-edukazzjoni ta’ wliedhom. Il-formola tibqa’ valida sakemm ma jkunx speċifikat xort’oħra min-naħa tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol fuq struzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Jekk wara ċertu żmien tkun trid li t-tifel/tifla tiegħek j/tirritorna fiżikament lejn l-iskola, ġentilment imla l-Formola B biex titlob li l-istudent jerġa’ jibda jattendi. Din it-talba tiġi meqjusa mill-iskola u wara tkun infurmat bil-miktub bid-data meta l-istudent ikun jista’ jibda jattendi minħabba li l-iskola tkun trid tagħmel l-arranġamenti meħtieġa qabel jirritorna l-istudent mill-ġdid minħabba ċ-ċirkostanzi attwali.
Fil-każ li t-tifel/tifla tiegħek qed j/tattendi l-iskola u jħossu ma jiflaħx/tħossha ma tiflaħx, se tiġi segwita l-proċedura tas-soltu, jiġifieri avża lill-iskola li t-tifel/tifla mhux se j/tattendi g]ax ma jiflħx u mbagħad ibgħat iċ-Ċertifikat Mediku (MC) fejn it-tabib jikkonferma li t-tfal huma b’saħħithom (fit for school) u jistgħu jattendu l-iskola. Minħabba ċ-ċirkostanzi tal-pandemija, iċ-ċertifikat mediku qed jintalab anki għal jum wieħed ta’ mard. Iċ-ċertifikat mediku għandu jintbagħat b’imejl (scan jew ritratt) jew jitqiegħed fil-kaxxa tal-ittri tal-iskola qabel ma l-istudent jattendi l-iskola tiegħu/tagħha fiżikament.
Aħna nifhmu li dawn huma żminijiet iebsa. Madanakollu, bil-kollaborazzjoni u l-koperazzjoni ta’ kulħadd, is-saħħa u s-sigurtà tat-tfal u tal-edukaturi jistgħu jkunu mħarsa.