L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bi pjaċir tħabbar skema ġdida – ‘Aqra d-Dar’. Din l-iskema hija maħsuba għal dawk l-istudenti li qegħdin miżmuma d-dar u jinsabu anzjużi għax iħossu n-nuqqas tal-ħbieb jew tar-rutina ta’ kuljum; inkella jinsabu d-dar ma jifilħux jew kwarantina. L-iskema tgħin lil dawn l-istudenti jsibu ftit wens fil-kotba.
L-istudenti se jkollhom l-opportunità jissellfu u jaqraw kotba meta jkunu miżmuma d-dar kwarantina jew ma jifilħux fit-tul. Kull student/a jista’ jagħżel żewġ kotba, wieħed bil-Malti u
l-ieħor bl-Ingliż, minn katalgu magħmul apposta li ssibu billi tagħfas:
https://education.gov.mt/en/nationalliteracyagency/Pages/Programmes/Aqra-Kemm-Tiflah.aspx
Il-ġenituri jew kustodji li jixtiequ li wliedhom jissieħbu f’din l-iskema jistgħu japplikaw billi jibagħtu l-formola li hemm fil-link lil marouska.falzon-cutajar@gov.mt jew billi jċemplu 25983304. Minbarra din l-applikazzjoni, il-ġenituri/kustodji jridu jibagħtu lill-Aġenzija l-ittra tal-kwarantina u/jew ċertifikat mediku.
Il-kotba jitqassmu bil-posta jew bl-idejn minn uffiċjali tal-Aġenzija mingħajr ebda ħlas. Wara l-kwarantina jew iż-żmien ta’ rkupru, il-kotba jridu jiġu rritornati lill-Aġenzija fl-envelopp ipprovdut. Min irid iżomm il-ktieb/kotba jista’ wkoll, imma jrid jagħti donazzjoni ta’ 5 ewro għal kull ktieb li jżomm. Il-kotba jistgħu jiġu ritornati bil-posta jew billi jitpoġġew f’kontenitur apposta ‘Il-Kaxxa tal-Kotba Mislufa’. Dan il-kontenitur jinsab barra l-bieb
prinċipali tal-bini tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, Triq Joseph Abela Scolaro, il-Ħamrun, HMR 1304.